L-Alleanza Ewropea għall-IA hija inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea biex tistabbilixxi djalogu ta’ politika miftuħ dwar l-Intelliġenza Artifiċjali. Mit-tnedija tagħha fl-2018, l-Alleanza għall-IA involviet madwar 6000 parti kkonċernata permezz ta’ avvenimenti regolari, konsultazzjonijiet pubbliċi u skambji ta’ forums online.
X’inhi l-Alleanza għall-IA
Minn Ġunju 2018, il-Kummissjoni Ewropea hija involuta fi djalogu miftuħ maċ-ċittadini, is-soċjetà ċivili, in-negozji u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, it-trade unions, l-akkademja, l-awtoritajiet pubbliċi u l-esperti, fil-qafas tal-Istrateġija tagħha dwar l-IA. Din l-Istrateġija għandha l-għan li tagħmel l-aħjar użu mill-opportunitajiet offruti mill-IA u li tindirizza l-isfidi l-ġodda li ġġib magħha. Billi bdiet bħala forum online għad-diskussjonijiet, l-Alleanza għall-IA nbidlet f’komunità vibranti li matul l-aħħar snin ikkontribwiet għal xi wħud mill-aktar inizjattivi ta’ politika importanti mnedija fil-qasam tal-IA.
Il-promozzjoni ta’ IA Affidabbli
L-Alleanza dwar l-IA inizjalment inħolqot biex tmexxi l-ħidma tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (HLEG dwar l-IA). Il-Linji Gwida dwar l-Etika tal-grupp kif ukoll ir-Rakkomandazzjonijiet ta’ Politika u ta’ Investiment tiegħu kienu dokumenti importanti li sawru l-kunċett ta’ IA Affidabbli, li jikkontribwixxu għall-approċċ tal-Kummissjoni għall-IA. Din il-ħidma kienet ibbażata fuq taħlita ta’ kontribut espert u feedback xprunat mill-komunità.
Wara li għalaq il-mandat tal-HLEG dwar l-IA, il-komunità tal-Alleanza dwar l-IA tkompli tippromwovi IA Affidabbli billi tikkondividi l-aħjar prattiki fost il-membri u billi tgħin lill-iżviluppaturi tal-IA u partijiet ikkonċernati oħra japplikaw rekwiżiti ewlenin, permezz tal-għodda ALTAI - Lista ta’ Valutazzjoni prattika għal IA Affidabbli.
Nibnu l-Eċċellenza u l-Fiduċja fl-IA fl-Ewropa
Fi Frar 2020, il-Kummissjoni ppubblikat White Paper biex tippreżenta l-approċċ tagħha għal Ekosistema ta' Eċċellenza u Fiduċja fl-IA. Id-dokument li kien fil-biċċa l-kbira ispirat mill-ħidma tal-HLEG dwar l-IA, sar soġġett għal konsultazzjoni pubblika miftuħa. Waslu aktar minn 1215-il kontribut (inklużi 400 dokument ta’ pożizzjoni) permezz tal-kwestjonarju online u l-mezzi ta’ komunikazzjoni tal-Alleanza għall-IA. Ġew organizzati sensiela ta’ laqgħat u diskussjonijiet madwar mejda ma’ esperti tal-IA biex jarrikkixxu din il-viżjoni bil-fehmiet soċjetali, ekonomiċi u xjentifiċi kollha. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni rrieżaminat il-Pjan Ikkoordinat dwar l-IA, f’April 2021. B’mod parallel, il-Kummissjoni pproponiet ukoll Regolament li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-IA, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2024.
Assemblej tal-Komunità u Avvenimenti tal-IA
Il-membri tal-Alleanza Ewropea għall-IA jiltaqgħu ma’ esperti, partijiet ikkonċernati u atturi internazzjonali fil-qasam tal-AI, f’avvenimenti regolari. Mit-tnedija tal-forum, avvenimenti bħal dawn laqqgħu flimkien medja ta’ 500 (personalment) sa 1000 parteċipant (virtwali) fuq bażi annwali.
- L-1 Assemblea tal-Alleanza Ewropea għall-IA – Ġunju 2019: Niċċelebraw sena mit-tnedija tal-komunità tal-AI Alliance u niddiskutu r-riżultati ewlenin tal-AI HLEG.
- It-tieni Assemblea tal-Alleanza Ewropea għall-IA – Ottubru 2020: Id-diskussjoni tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-White Paper dwar l-IA.
- It-3 Assemblea tal-Alleanza Ewropea għall-IA – Settembru 2021: Organizzata f’kooperazzjoni mal-Presidenza Slovena tal-Kunsill tal-UE taħt it-titolu ta’ ħidma “Konferenza ta’ Livell Għoli dwar l-IA: Mill-Ambizzjoni għall-Azzjoni”. Diskussjoni dwar l-Eċċellenza u l-Fiduċja tal-IA fil-livell globali.
"EuropeanExcellence and Trust in the world" (L-Eċċellenza u l-Fiduċja Ewropej fid-dinja)u "Bringing AI Regulation Forward" (Inressqu 'l Quddiem ir-Regolamentazzjoni tal-IA)kienu żewġ avvenimenti oħra organizzati f'Marzu u Ġunju 2022. L-avvenimenti involvew lill-komunità tal-IA fid-diskussjoni ta’ aspetti ta’ IA Affidabbli, fil-kuntesti tas-sensibilizzazzjoni internazzjonali tal-UE u l-koordinazzjoni bejn l-istati membri rispettivament.
Ir-raba’ Assemblea tal-Alleanza għall-IA se ssir fis-16 u s-17 ta’ Novembru 2023 f’Mardid u se tiffoka fuq aspetti ta’ politika li huma “IA Affidabbli Ewlenija Globalment”. Dan se jiġi koorganizzat mill-Kummissjoni flimkien mal-Ministeru Spanjol għall-Affarijiet Ekonomiċi u t-Trasformazzjoni Diġitali, fil-qafas tal-Presidenza Spanjola tal-Kunsill tal-UE u se jkun miftuħ għall-pubbliku għall-parteċipazzjoni wiċċ imb wiċċ u online.
X'hemm fiha għalija?
Peress li hija komunità online miftuħa, l-Alleanza dwar l-IA tipprovdi lil kulħadd b’aċċess liberu għad-dokumenti u r-riżorsi rilevanti għal aspetti ta’ politika differenti tal-IA.
Taqsima ddedikata għall-aħbarijiet u l-avvenimenti żżomm lill-membri infurmati dwar il-laqgħat u l-avvenimenti li jmiss li l-Kummissjoni tkun qed torganizza jew tipparteċipa fihom. Il-membri jistgħu wkoll jaqsmu l-avvenimenti tagħhom stess fuq il-pjattaforma.
Aktar dwar il-komunità tal-Alleanza għall-IA
Kif tirreġistra għall-Alleanza għall-IA?
L-Alleanza Ewropea għall-IA hija ospitata fuq il-pjattaforma Futurium tal-UE u hija aċċessibbli liberament għal kulħadd. Sabiex issir membru tal-Alleanza Ewropea għall-IA, tista’ ssegwi dawn il-passi:
Jekk jogħġbok innota li dan il-proċess jista 'jieħu ftit taż-żmien. Ladarba r-reġistrazzjoni tiegħek tiġi vvalidata, tirċievi notifika bl-email. Imbagħad tkun tista’ taċċessa l-Alleanza Ewropea għall-IA u tibda tikkontribwixxi.
F’każ li tiltaqa’ ma’ diffikultajiet meta tirreġistra, jekk jogħġbok ikkuntattja lit-tim ta’ Futurium.
L-Aħħar Aħbarijiet
Kontenut Relatat
Ħarsa globali